Ġesù Biss il-Medjatur


Id-dnub jifridna minn Alla. Neħtieġu medjatur, wieħed li jneħħilna kull ħtija u jirrikonċiljana m’Alla. Għandna bżonn lil xi ħadd li jaqbad idejna u idejn Alla, u jpoġġihom flimkien. Nizzuħajr 'l Alla li provdielna medjatur bħal dan, kif jgħallimna fl-Iskrittura Mqaddsa:

“Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta' dan ngħatat f'waqtha” (1 Timotju 2:5-6).

Daqskemm nemmnu f’Alla wieħed, daqshekk ieħor nemmnu li hemm medjatur wieħed. Mhux tnejn, tlieta jew aktar. “Wieħed hu l-medjatur,” tiddikjara l-Iskrittura. Pont wieħed hemm li jgħaqqad l-art mas-sema, u jħabbeb il-midneb mal-Ħallieq. Dan il-medjatur uniku huwa l-Bniedem Kristu Ġesù.

Ġesù biss jikkwalifika għal dan il-ministeru, għal diversi raġunijiet:
  1. Ġesù huwa bniedem, u għalhekk jista’ jkun ir-rapreżentat tagħna l-bnedmin quddiem Alla. Għalhekk ‘Verbum Dei caro factum est’ – l-Iben etern t'Alla, li minn natura tiegħu huwa tassew Alla, sar wieħed bħalna, minbarra d-dnub, biex isir ir-rapreżentant tagħna fis-sema.
  2. Ġesù huwa l-Kristu, il-Messija, midluk u magħżul minn Alla biex ikun is-salvatur tad-dinja. Ta’ dan hemm xhieda l-Ispirtu s-Santu li niżel fuqu fil-magħmudija, u li permezz tiegħu wettaq mirakli bla għadd biex jagħti prova li hu l-mibgħut t’Alla.
  3. Ġesù huwa l-Feddej, li ħallas b’demmu għall-ħelsien tal-poplu tiegħu. Din hi raġuni oħra għall-inkarnazzjoni. Kellu bżonn isir bniedem tad-demm u l-laħam, sabiex wara li għix ħajja perfetta, offra lilu nnifsu b’sagrfiċċju fuq l-għuda tas-salib bi tpattija għad-dnubiet. Ġesù “ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd.”
Dan, ħabib, huwa l-Medjatur. Mhux diffiċli tagħrfu: huwa dak li darba miet, imma li issa hu ħaj għal dejjem; li f’idejh għandu l-marki tal-imsiemer; li l-anġli u l-qaddisin fis-sema ma jehdewx jadurawh.

Dan il-Medjatur, Ġesù, hu twajjeb u ħanin ma’ dawk kollha li jersqu lejh. Meta kien fuq l-art ma warrabx lil dawk li ġew għandu imma laqagħhom b’idejh miftuħa. L-istess għadu jagħmel illum, issa li qiegħed fuq il-leminja t’Alla l-Missier. L-istedina tiegħu tibqa’ tidwi sal-aħħar taż-żminijiet, “Ejjew għandi” (Mt 11:28). Il-wegħda tiegħu żżomm sħiħ, “Min jiġi għandi ma nkeċċihx 'il barra” (Ġw 6:37).

Ħabib, nitolbok, ilqa’ l-istedina ta’ Ġesù, emmen il-wegħda tiegħu, u bħal Marija u l-qaddisin l-oħra kollha, afda kompletament fih, il-Medjatur waħdieni u perfett, għas-salvazzjoni ta’ ruħek.

* * *

Isma' messaġġ fuq YouTube